Mur għall-kontenut ewlieni
EURES (EURopean Employment Services)
Artiklu tal-aħbarijiet23 Jannar 2024L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, Id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni4 min qari

X’għandek tagħmel biex ma jkollokx xokk kulturali u ma tħossokx ’il bogħod mid-dar Parir għall-aġġustament għal ambjent ġdid

Li tmur tgħix f’pajjiż ġdid tista’ tkun esperjenza eċċitanti u ta’ sodisfazzjon, iżda tista’ ġġib magħha wkoll xi sfidi u diffikultajiet.

Meta tiċċaqlaq tista’ tiffaċċja drawwiet, lingwi, valuri u aspettattivi differenti li jistgħu jġegħluk tħossok konfuż(a), frustrat(a), jew iżolat(a). Tista’ wkoll timmissja l-familja tiegħek, lil ħbiebek, u l-ambjent familjari li ħallejt warajk. Dawn is-sentimenti huma normali u komuni, u huma parti minn dak li huwa magħruf bħala xokk kulturali u dwejjaq għax tkun ’il bogħod mid-dar.

Xokk kulturali huwa r-reazzjoni psikoloġika u emozzjonali għax persuna tgħix f’kultura ġdida u li ma tkunx familjari magħha. Dan jista’ jaffettwa lil kulħadd, irrispettivament mill-età, mill-isfond, jew mill-esperjenza preċedenti tal-ivvjaġġar tagħha. Ix-xokk kulturali jista’ jimmanifesta ruħu b’modi differenti, bħal:

  • tħossok anzjuż(a), irritabbli, jew imdejjaq/imdejqa
  • diffikultà biex torqod jew tiekol
  • tħossok imdejjaq/imdejqa, waħdek, jew aljenat(a)
  • issib diffikultà biex tikkomunika jew tagħmel ħbieb
  • tħossok mhux sikur(a) jew mhux komdu/a
  • tesperjenza sintomi fiżiċi bħal uġigħ ta’ ras, uġigħ fl-istonku, jew għeja.

Id-dwejjaq għax tkun ’il bogħod mid-dar ġej mix-xewqa għall-aspetti familjari u komdi ta’ pajjiżek. Dan jista’ jiġi skattat minn diversi fatturi, bħal li ma jkollokx

  • l-għeżież ħdejk u l-appoġġ soċjali tiegħek;
  • ikel, passatempi, jew attivitajiet favoriti;
  • sens ta’ identità u appartenenza;
  • rutina u struttura;
  • normi u valuri kulturali.

Kemm ix-xokk kulturali kif ukoll id-dwejjaq għax tkun ’il bogħod mid-dar huma reazzjonijiet naturali u temporanji għal bidla kbira fil-ħajja. Dan ma jfissirx li inti dgħajjef/dgħajfa jew li għamilt deċiżjoni ħażina. Huma parti mill-proċess ta’ adattament għal ambjent ġdid u biex titgħallem tapprezza d-diversità u r-rikkezza tiegħu. Madankollu, jekk ma jiġux indirizzati, dawn jistgħu jaffettwaw il-benesseri, il-prestazzjoni u s-sodisfazzjon tiegħek. Għalhekk, huwa importanti li ssib modi tajbin għas-saħħa u effettivi biex tlaħħaq magħhom u biex tagħmel l-aħjar użu mill-esperjenza tiegħek barra minn pajjiżek.

Dawn huma xi suġġerimenti u riżorsi li jistgħu jgħinuk tindirizza x-xokk kulturali u d-dwejjaq għax tkun ’il bogħod mid-dar:

  • Ipprepara ruħek qabel ma tmur: Agħmel xi riċerka dwar il-pajjiż u l-kultura li se tmur fiha. Tgħallem dwar l-istorja, il-ġeografija, il-politika, l-ekonomija, ir-reliġjon, l-arti u l-kċina tiegħu. Ipprova tgħallem xi kliem u frażijiet bażiċi fil-lingwa lokali. Skopri dwar l-aspetti prattiċi tal-għajxien hemmhekk, bħall-klima, it-trasport, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, u s-sistema legali. Dan se jgħinek biex ikollok aspettattivi realistiċi u tevita sorpriżi mhux pjaċevoli.
  • Żomm moħħ miftuħ u attitudni pożittiva: Żomm ruħek għatxan(a) għad-differenzi li tiltaqa’ magħhom u uri rispett għalihom. Ipprova arahom bħala opportunitajiet biex titgħallem u tikber, aktar milli bħala theddid jew ostakli. Evita li tagħmel ġudizzji jew paraguni bbażati fuq il-kultura tiegħek stess. Minflok, ipprova ifhem ir-raġunijiet u t-tifsiriet wara l-imġibiet u l-valuri tan-nies li tiltaqa’ magħhom. Kun flessibbli u adattabbli għas-sitwazzjonijiet il-ġodda li tiffaċċja. Ftakar li m’hemm l-ebda mod tajjeb jew ħażin kif tagħmel l-affarijiet, iżda biss modi differenti.
  • Fittex appoġġ soċjali u interazzjoni: Wieħed mill-aħjar modi biex tegħleb ix-xokk kulturali u d-dwejjaq għax tkun ’il bogħod mid-dar huwa li tiltaqa’ ma’ persuni oħra li jistgħu joffrulek ħbiberija, gwida u kumdità. Ipprova agħmel ħbieb kemm ma’ nies tal-lokal kif ukoll ma’ espatrijati oħrajn. Ingħaqad fi klabbs, gruppi, jew organizzazzjonijiet li jaqblu mal-interessi u mal-passatempi tiegħek. Ipparteċipa f’avvenimenti soċjali, attivitajiet, jew festivals li jiċċelebraw il-kultura lokali. Ikkuntattja lill-familja u lill-ħbieb tiegħek lura d-dar permezz ta’ telefonati, video chats, emails, jew media soċjali. Madankollu, tiddependix wisq fuq il-konnessjonijiet l-antiki tiegħek, peress li dan jista’ jimpedixxi milli tifforma oħrajn ġodda u milli tintegra fl-ambjent il-ġdid tiegħek.
  • Ħu ħsieb tiegħek innifsek: Iċ-ċaqliq lejn pajjiż ġdid jista’ jkun stressanti u jgħajjik, u għalhekk huwa essenzjali li tieħu ħsieb is-saħħa fiżika u mentali tiegħek. Kul tajjeb, agħmel eżerċizzju regolari, u ara li jkollok biżżejjed irqad. Sib modi kif tirrilassa u tistrieħ, bħal billi tisma’ l-mużika, taqra ktieb, jew timmedita. Fittex għajnuna professjonali jekk tkun qed tħoss li kollox qed jaqa’ fuqek.

Ftakar li għandek tiċċelebra l-kisbiet tiegħek u tgawdi l-esperjenza tiegħek. Iċ-ċaqliq lejn pajjiż ġdid mhuwiex xi ħaġa faċli, iżda huwa wkoll avventura mill-aqwa u ta’ sodisfazzjon. Kun kburi(ja) bik innifsek li għamilt dan il-pass u li qed tegħleb l-isfidi li qed tiffaċċja. Irrikonoxxi l-progress u l-kisbiet tiegħek, irrispettivament minn kemm huma żgħar jew kbar. Ippremja lilek innifsek għall-isforzi u l-kisbiet tiegħek. Ħu gost u gawdi s-sbuħija, id-diversità u l-opportunitajiet li l-UE għandha x’toffri. Ftakar li m’intix waħdek, u li inti parti minn komunità vibranti u dinamika ta’ nies li għandhom l-istess ħolm u aspirazzjonijiet bħal tiegħek.

Filwaqt li tmur tgħix barra mill-pajjiż jista’ jġib miegħu sfidi uniċi, dan joffri wkoll ammont kbir ta’ opportunitajiet. Ara Is-7 benefiċċji ewlenin tal-għajxien u tax-xogħol barra mill-pajjiż.

 

Aqra aktar:

Il-Jiem Ewropej għall-Impjiegi

Sib Il-Konsulenti tal-EURES

Il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fil-pajjiżi tal-EURES

Il-Bażi tad-Data tal-Impjiegi tal-EURES

Is-servizzi tal-EURES għall-impjegaturi

Il-Kalendarju tal-Avvenimenti tal-EURES

Avvenimenti Online li ġejjin

Il-EURES fuq Facebook

Il-EURES fuq Twitter

Il-EURES fuq LinkedIn

 

Temi
  • Ideat u Suġġerimenti
Sezzjoni(jiet) relatati
Settur
  • Accomodation and food service activities
  • Administrative and support service activities
  • Arts, entertainment and recreation
  • Education
  • Information and communication
  • Other service activities

Ċaħda

L-artikoli huma maħsuba biex jipprovdu lill-utenti tal-portal tal-EURES b'informazzjoni dwar suġġetti u xejriet kurrenti u biex jistimulaw id-diskussjoni u d-dibattitu. Il-kontenut tagħhom mhux bilfors jirrifletti l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) jew tal-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, EURES u ELA ma japprovawx websajts ta' partijiet terzi msemmija hawn fuq.