Skip to main content
EURES
Artiklu tal-aħbarijiet1 Lulju 2018L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, Id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni

Ħames snin mit-tnedija tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ: Tagħlimiet miksuba

L-irkupru ekonomiku li għaddej bħalissa fl-UE wassal għal kundizzjonijiet aħjar fis-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ Ewropej. L-iskema ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ qed tagħti s-sehem tagħha billi żżid l-opportunitajiet ta’ impjieg.

Youth Guarantee five years on: Lessons learnt
European Commission, Europa

L-aħħar ċifri tal-Eurostat juru li r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ naqset minn 18.7% fl-2016 għal 16.8% sat-tmiem tal-2017. Minn meta laħaq l-ogħla punt tiegħu f’23.9% wara l-kriżi finanzjarja tal-2008, il-qgħad fost iż-żgħażagħ issa naqas għal ftit aktar minn punt perċentwali 1 ogħla mir-rata ta’ qabel l-2008 (15.1%), li juri l-progress pożittiv li sar f’dan il-qasam matul l-aħħar ħames snin.

L-iskema ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ kien qed ikollha rwol ċentrali f’dan il-progress peress li l-Istati Membri tal-UE ħadu l-impenn li jimplimentaw l-iskema f’Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ April 2013. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, li għandha l-għan li tagħti lil kull persuna ta’ taħt il-25 sena offerta ta’ impjieg ta’ kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship fi żmien erba’ xhur minn meta l-persuna ssir qiegħda jew titlaq mill-edukazzjoni formali, għenet ittejjeb il-ħajja ta’ miljuni ta’ żgħażagħ Ewropej. Din tiġi appoġġjata mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, il-programm ta’ finanzjament ewlieni tal-UE li jiffaċilita l-implimentazzjoni tagħha.

X’inkiseb s’issa?

Skont l-aħħar data mill-Kummissjoni Ewropea:

  • Aktar minn 5 miljun żagħżugħ irreġistraw fi skemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ kull sena mill-2014.
  • Aktar minn 3.5 miljun żagħżugħ ħadu offerta ta’ impjieg, edukazzjoni, traineeship jew apprendistat kull sena mill-2014.
  • Hemm 2.2 miljun inqas żagħżagħ qiegħda fl-UE u 1.4 miljun inqas żagħżagħ barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEET) mill-2013.
  • Is-sehem ta’ persuni ta’ bejn il-15-24 sena barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ naqas minn 13.2% fl-2012 għal 10.9% fl-2017.

L-aħjar prattiki

Is-sena l-oħra, il-Kummissjoni nediet bażi tad-data ta’ prattiki promettenti li jappoġġjaw liż-żgħażagħ fir-tranżizzjoni tagħhom mill-iskola għax-xogħol. Maġġoranza ta’ dawn l-iskemi jirċievu appoġġ finanzjarju mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u mill-Fond Soċjali Ewropew.

Xi wħud minn dawn il-prattiki tqiegħdu fiċ-ċentru tal-attenzjoni fil-Youth Guarantee Learning Forum tas-sena l-oħra. Il-forum, li ġie organizzat mill-Kummissjoni fi Brussell, ippermetta skambju reċiproku u tagħlim bejn il-prattikanti billi fih inqasmet informazzjoni dwar il-miżuri differenti li jingħataw fil-kuntest tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

Medjaturi Żgħażagħ: L-istorja ta’ suċċess tal-Bulgarija

L-inizjattiva Medjaturi Żgħażagħ tal-Bulgarija kienet waħda mill-prattiki ta’ ispirazzjoni enfasizzati fil-Youth Guarantee Learning Forum. L-għan primarju huwa li jiġu identifikati NEETs żgħażagħ li mhumiex irreġistrati mas-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi (PES) Bulgaru, jiġu kkuntattjati, u jiġu infurmati dwar is-servizzi għall-karrieri u l-opportunitajiet għall-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ. Sabiex jingħataw dawn is-servizzi, il-medjaturi żgħażagħ l-ewwel jintgħażlu u jingħataw taħriġ dwar kif jilħqu n-NEETs u jikkomunikaw magħhom, u kif jagħtu informazzjoni u appoġġ ta’ konsulenza għall-attivazzjoni.

Il-medjaturi żgħażagħ jiġu mgħallma wkoll kif jinvolvu ruħhom mal-impjegaturi u mal-istituzzjonijiet edukattivi. Wara li tlesti t-taħriġ, il-persuna li daqt issir medjatur żagħżugħ imbagħad titqiegħed f’kuntatt mal-medjatur tax-xogħol mill-PES lokali u ma’ rappreżentant tal-Ispettorat tal-Edukazzjoni sabiex jiġu stabbiliti kuntatti mal-istituzzjonijiet formali.

Fadal xi sfidi

Minkejja dawn il-kisbiet u minħabba l-fatt li r-rata ġenerali tal-UE-28 qed tkompli tinżel, il-qgħad fost iż-żgħażagħ jibqa’ għoli f’ħafna Stati Membri individwali. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza li tilħaq ir-reġjuni u ż-żgħażagħ li jinsabu l-aktar fil-bżonn. Mod ewlnieni wieħed kif il-Kummissjoni għandha l-għan li tilħaq dan huwa permezz tat-tnedija tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+).

Minħabba ż-żmien ta’ bejn l-2021-2027, l-FSE+ se jinkorpora l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ flimkien ma’ għadd ta’ fondi u programmi oħrajn tal-Kummissjoni bħall-Fond Soċjali Ewropew. Il-fond il-ġdid huwa mfassal biex jippermetti lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu appoġġ aktar integrat u mmirat lill-persuni madwar l-Ewropa, inklużi ż-żgħażagħ. Dan l-appoġġ se jgħin jgħammar lin-nies bil-ħiliet u bl-esperjenza li jeħtieġu biex jirnexxu f’suq tax-xogħol li qed jinbidel b’mod rapidu – u li spiss joffri sfida.

Se jkun hemm ukoll bidliet fuq livell ta’ programm, fejn l-Istati Membri tal-UE se jkunu meħtieġa jiddedikaw mill-inqas 10% tal-finanzjament tal-FSE+ tagħhom biex jappoġġjaw l-impjieg taż-żgħażagħ u l-attivazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol. B’baġit ġenerali ta’ €101.2 biljun propost għall-perjodu ta’ programmazzjoni, il-potenzjal li l-FSE+ jgħin liż-żgħażagħ tal-Ewropa jirnexxu huwa sostanzjali.

“L-Ewropa tixtieq tagħti s-setgħa lin-nies tagħha,” ikkonkludiet il-Kummissarju Marianne Thyssen meta tkellmet dwar ir-raġunament wara l-FSE+. “Il-fondi soċjali l-ġodda, flessibbli u ssimplifikati tagħna huma ffokati fuq l-investiment fin-nies: biex jiżguraw li jkollhom il-ħiliet it-tajbin, jiżguraw li jkollhom protezzjoni soċjali moderna adattata għal forom ġodda ta’ xogħol, u juru solidarjetà ma’ dawk li l-aktar jeħtiġuha.”

Għal ħarsa dettaljata fl-iskema ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, ara l-Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ fil-qosor.

 

Links relatati:

Garanzija għaż-Żgħażagħ

Ċifri tal-Eurostat

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ April 2013

Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ

Data mill-Kummissjoni Ewropea

Bażi tad-data ta’ prattiki promettenti

Fond Soċjali Ewropew

Youth Guarantee Learning Forum

Medjaturi Żgħażagħ

Prattiki ta’ ispirazzjoni enfasizzati

Messaġġ fuq vidjow

‪#youthguarantee

 

Aqra aktar:

Jiem l-Impjiegi Ewropej

Drop’pin@EURES

Sib Persunal tal-EURES

Kundizzjonijiet tax-xogħol u l-għajxien fil-pajjiżi tal-EURES

Il-Bażi tad-Data tal-Impjiegi tal-EURES

Is-servizzi tal-EURES għall-impjegaturi

Il-Kalendarju tal-Avvenimenti tal-EURES

Avvenimenti Online li ġejjin

L-EURES fuq Facebook

L-EURES fuq Twitter

L-EURES fuq LinkedIn

Temi
Kaxxa tal-għodda tal-UE għall-mobilitàL-aħjar prattika tal-EURESAħbarijiet esterni tal-EURESPartijiet interessati esterniAħbarijiet dwar is-suq tax-xogħol/aħbarijiet dwar il-mobilitàAħbarijiet/rapporti/statistikaXejriet ta' reklutaġġŻgħażagħ
Sezzjoni(jiet) relatati
L-Għajxien u x-Xogħol
Settur
Accomodation and food service activitiesActivities of extraterritorial organisations and bodiesActivities of households as employers, undifferentiated goods- and servicesAdministrative and support service activitiesAgriculture, forestry and fishingArts, entertainment and recreationConstructionEducationElectricity, gas, steam and air conditioning supplyFinancial and insurance activitiesHuman health and social work activitiesInformation and communicationManufacturingMining and quarryingOther service activitiesProfessional, scientific and technical activitiesPublic administration and defence; compulsory social securityReal estate activitiesTransportation and storageWater supply, sewerage, waste management and remediation activitiesWholesale and retail trade; repair of motor vehicles and motorcycles

Ċaħda

L-artikoli huma maħsuba biex jipprovdu lill-utenti tal-portal tal-EURES b'informazzjoni dwar suġġetti u xejriet kurrenti u biex jistimulaw id-diskussjoni u d-dibattitu. Il-kontenut tagħhom mhux bilfors jirrifletti l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) jew tal-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, EURES u ELA ma japprovawx websajts ta' partijiet terzi msemmija hawn fuq.