
Proġett wieħed li appoġġja tali skambji transkonfinali huwa l-proġett MobiliseSME li huwa ffinanzjat mill-UE, speċi ta’ “pjattaforma ta’ pariġġar” għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).
Il-premessa tal-proġett hija sempliċi: l-impjegati tal-SMEs jieħdu sehem f’kollokamenti ta’ skambju f’SMEs fi Stati Membri oħra tal-UE. L-għan huwa li jespandu s-sett ta’ ħiliet professjonali tagħhom, jiksbu esperjenza internazzjonali u jiskambjaw l-aħjar prattiki.
Sadanittant, l-impjegaturi jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet tal-persunal tagħhom u jiftħu opportunitajiet ġodda ma’ sħab barranin, filwaqt li jitgħallmu mill-perspettivi barranin tal-impjegati li jġibu minn barra l-pajjiż.
Il-programm ta’ skambju ħalla impatt sinifikanti mill-bidu tiegħu, b’aktar minn 400 kumpanija li rreġistraw fuq il-pjattaforma u aktar minn 50 skambju li saru bejn Novembru 2016 u Ġunju 2017. Il-proġett jista’ jservi ta’ tfakkira għal xi qarrejja, peress li qabel kien jidher f’artikolu fuq il-Portal tal-EURES f’Lulju 2017.
Ir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ MobiliseSME, li ġie ppubblikat f’Ottubru 2017, enfasizza l-feedback pożittiv ta’ dawk li s’issa bbenefikaw mill-proġett. B’kollox, 91% tal-kumpaniji mittenti u 95% tal-kumpaniji ospitanti kienu kuntenti bil-persuna li sabu, 90% tal-kumpaniji ddikjaraw li n-negozju transkonfinali tagħhom se jiżviluppa bis-saħħa tal-iskambju tagħhom, u 75% qalu li issa se jkunu jistgħu jintroduċu prodotti u servizzi ġodda.
“MobiliseSME tassew għenna nissodisfaw l-għan tagħna biex niżviluppaw il-ħiliet tekniċi u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-impjegati tagħna, ħaġa li tat riżultati f’qasir żmien,” qal Emanuele D’Angella, intraprenditur Taljan ibbażat fi Spanja li ospita impjegati minn kumpaniji oħra.
Il-feedback mill-impjegati parteċipanti wkoll kien pożittiv, fejn 90% tal-impjegati li għamlu ż-żjara kisbu l-ħiliet il-ġodda li stennew u 81% ddikjaraw li l-iskambju tagħhom ikkontribwixxa għall-iżvilupp personali tagħhom u għal opportunitajiet ta’ karrieri futuri.
“MobiliseSME għenna nifhmu opportunitajiet ġodda tas-suq barra mill-pajjiż, li hija xi ħaġa diffiċli ferm biex tagħmilha bir-riżorsi limitati disponibbli għall-SMEs,” qalet Triin Tammearu, mill-Estonja, li żaret kumpanija fir-Renju Unit permezz tal-programm.
Wara proġett pilota li kiseb suċċess kbir, MobiliseSME issa qiegħed jitfa’ l-attenzjoni tiegħu lejn il-futur, u huwa ċar li dawk responsabbli għall-proġett qegħdin jaħsbu fuq xi ħaġa kbira.
“L-ewwel pass huwa li nkabbru d-daqs tal-proġett sabiex nolqtu lill-Istati Membri kollha u niddependu fuq aktar netwerks nazzjonali tal-SMEs u organizzazzjonijiet ta’ appoġġ lin-negozji biex jinfurmaw lill-kumpaniji dwar l-eżistenza tal-programm ta’ skambju,” spjega Stefan Moritz, id-Direttur Maniġerjali ta’ European Entrepreneurs CEA-PME. CEA-PME hija l-akbar konfederazzjoni Ewropea ta’ SMEs assoċjati b’mod volontarju u hija l-mexxejja tal-konsorzju tal-proġett MobiliseSME.
Is-Sur Moritz jgħid li l-għan aħħari tal-proġett huwa li jinbena tip ta’ “Erasmus għall-SMEs”, programm ta’ skambju fuq skala kbira li jista’ jitqabbel mal-iskema ta’ skambju tal-istudenti ewlenija tal-UE.
“Id-data turi li hemm interess reali fl-Ewropa għal skema ta’ mobbiltà ta’ dan it-tip,” spjega hu. “L-għan huwa li nimlew dan in-nuqqas billi nagħtu lill-SMEs l-opportunità li jiffaċċjaw il-globalizzazzjoni b’mod sempliċi: imorru barra biex jitgħallmu mingħand l-oħrajn.”
Il-proġett kiseb suċċess kbir s’issa, iżda kif jgħidilna s-Sur Moritz, “is-suċċess ta’ MobiliseSME huwa siewi biss jekk iservi bħala l-bidu ta’ proċess akbar”.
“Meta jitqiesu l-benefiċċji enormi li jkun hemm kieku nespandu fuq programm bħal dan, huwa importanti ħafna li nżommu dan il-momentum,” kompla jgħid.
Il-proġett MobiliseSME ġie ffinanzjat mill-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI), li jitmexxa direttament mill-Kummissjoni Ewropea. Huwa jlaqqa’ flimkien tliet programmi dwar l-impjiegi: EURES, PROGRESS u Progress Microfinance.
Links relatati:
300 SME isibu l-persuna perfetta għalihom permezz tal-iskema ta’ skambju
Mobilise SME – Rapport ta’ Evalwazzjoni Finali
Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali
Aqra aktar:
Kondizzjonijiet tal-għajxien u x-xogħol f’pajjiżi ta’ EURES
EURES Bażi ta’ data tal-Impjiegi
Servizzi tal-EURES għal impjegaturi
EURES Kalendarju tal-Avvenimenti
Avvenimenti Online Li ġejjin
EURES fuq Facebook
EURES fuq Twitter
EURES fuq LinkedIn
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 7 Ġunju 2018
- Awturi
- L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol | Id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni
- Temi
- Negozju/IntraprenditorijaL-aħjar prattika tal-EURESAħbarijiet esterni tal-EURESPartijiet interessati esterniAħbarijiet dwar is-suq tax-xogħol/aħbarijiet dwar il-mobilitàStejjer ta' suċċessŻgħażagħ
- Settur
- Accomodation and food service activitiesActivities of extraterritorial organisations and bodiesActivities of households as employers, undifferentiated goods- and servicesAdministrative and support service activitiesAgriculture, forestry and fishingArts, entertainment and recreationConstructionEducationElectricity, gas, steam and air conditioning supplyFinancial and insurance activitiesHuman health and social work activitiesInformation and communicationManufacturingMining and quarryingOther service activitiesProfessional, scientific and technical activitiesPublic administration and defence; compulsory social securityReal estate activitiesTransportation and storageWater supply, sewerage, waste management and remediation activitiesWholesale and retail trade; repair of motor vehicles and motorcycles