Skip to main content
EURES
Artiklu tal-aħbarijiet14 Frar 2018L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, Id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni

Ditta Ġermaniża timla 400 post tax-xogħol battal f’ħames snin mal-EURES

Mill-2013 ‘l hawn, ditta ta’ reklutaġġ fil-Bavarja għas-settur tal-kostruzzjoni sabet impjieg għal aktar minn 400 kandidat f’negozji żgħar Ġermaniżi.

German firm fills 400 job vacancies in 5 years with EURES
©POD, 2014

Fid-19 ta’ Frar 2018, kumpanija li tispeċjalizza fir-reklutaġġ iċċelebrat l-ilħuq ta' riżultat doppju − is-sejbien ta' xogħol għal 400 ħaddiem Spanjol f’impjiegi ta' ħila madwar il-Ġermanja kollha tul perjodu ta’ ħames snin.

POD (People of Diversity) GmbH taħdem ma’ EURES u negozji żgħar biex issib, tagħżel u tintegra persuni Spanjoli li jfittxu impjieg f’xogħlijiet Ġermaniżi tal-kostruzzjoni. Meta wieħed iqis li bħalissa l-kumpanija qed tirrekluta għexieren ta’ kandidati kull xahar, huwa diffiċli li wieħed jemmen li dan kollu beda b’sempliċiment konverżazzjoni ta’ għaxar minuti.

“Fil-Ħarifa tal-2012, jien mort f’aġenzija tal-impjiegi f’Valencia u tlabt biex nitkellem mar-rappreżentant tal-EURES”, spjega s-Soċju Diriġenti ta' POD, Stephan Behringer. “Jien iddeskrivejt il-ħtiġijiet tagħna u huma spjegawli l-proċess ta’ kif nista’ ntella’ l-posijiet tax-xogħol battala fuq il-portal permezz tal-uffiċċju tal-EURES lokali tiegħi fil-Ġermanja. Huma qabbduni wkoll mal-fergħat tal-EURES reġjonali ta’ Spanja li jgħinuna nirreklamaw il-postijiet battala tagħna f’ċentri tal-impjiegi lokali madwar il-pajjiż kollu.”

Is-sena ta’ wara, fi Frar, POD irnexxielha ssib impjieg għall-ewwel ħaddiem tal-EURES tagħha, u b’hekk dan kien il-punt tat-tluq għall-involviment fit-tul tal-kumpanija man-netwerk. Stephan jiftakkru sew:

“Meta Carlos ikkuntattjana ma kellux impjieg u kien ħerqan biex isib xogħol permanenti. Li jmur jgħix il-Ġermanja kien pass kbir għalih, peress li huwa qatt ma kien siefer barra mill-pajjiż, wisq anqas ħadem f’pajjiż ieħor. Għaldaqstant, bħal fil-każ tal-kandidati kollha tagħna, it-tħejjijiet fil-lingwa u l-kultura kienu essenzjali. Wara dan, huwa kien lest biex jibda jaħdem bħala plamer f’ditta żgħira tal-familja.”

Is-suċċess ta’ POD huwa dovut għall-fatt li din tappoġġja lir-rekluti biex jagħmlu din it-tranżizzjoni. Qabel ma kull kandidat imur il-Ġermanja, dawn iridu jtemmu kors intensiv fil-lingwa u l-kultura. Waqt it-tħejjija tal-kandidati, Stephan jenfasizza l-ħtieġa li wieħed jelimina l-biżgħat tiegħu dwar kif se jissettilja fil-ħajja barra mill-pajjiż. Biex jagħmel dan, it-tim tiegħu żviluppa gwidi estensivi bil-vidjo minn benefiċjarji, li jispjegaw l-esperjenza diretta tagħhom li jitgħallmu lingwa ġdida, li jiffamiljarizzaw ruħhom mar-regolamenti Ġermaniżi, li jsibu akkomodazzjoni u l-bqija.

“L-approċċ tagħna huwa li nuru lill-kandidati kif persuni eżattament bħalhom adattaw għall-ħajja fil-Ġermanja u rnexxew fil-karrieri tagħhom. Hekk kif jaraw li sħabhom irnexxielhom, jirrealizzaw li huma jistgħu jirnexxielhom ukoll. Jien nilqa’ b’mod speċjali t-tibdiliet riċenti li saru f’EURES, li jfisser li issa, xi finanzjament disponibbli permezz ta’ xi skemi speċifiċi, jista’ jintuża għal dan it-taħriġ.”

Barra minn hekk, it-tħejjija tal-parteċipanti fil-lingwa u l-kultura qatt mhi ġenerika. POD taħdem mill-qrib ma’ sħab ta’ taħriġ madwar Spanja kollha, bħal Ellen Braun tal-akkademja tal-lingwi ELCLA f’Pego, ħdejn Alicante.

“Aħna nipprovdu 3 xhur ta’ tħejjija intensiva fil-kultura u l-lingwistika għal bosta rekluti ta’ POD,” tgħid Ellen. “Dan irid ikun imfassal apposta għall-ħtiġijiet ta’ kull persuna. Il-kollegi ta’ POD dejjem jinfurmawni dwar is-sitwazzjoni ta’ kull kandidat, il-livell tal-lingwa tagħhom u l-bqija u aħna niffukaw il-kors fuq il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Barra minn hekk, il-maġġoranza tal-kandidati huma żgħażagħ, għalhekk aħna nmexxu ċ-ċentru xi ftit jew wisq bħal post ta’ impjieg. L-istudenti jdumu magħna tliet xhur u huma mistennija li jkunu fil-ħin u jlestu ammont kbir ta’ xogħol għad-dar. Dan jagħtihom il-mentalità t-tajba biex jaħdmu fil-Ġermanja.”

Barra minn hekk, l-impjegaturi, naturalment, jimpenjaw ruħhom bil-bosta meta jirreklutaw ħaddiema minn barra l-pajjiż. It-tim ta’ POD iqis li huwa importanti ferm li huwa jaħdem mal-klijenti tiegħu (prinċipalment negozji żgħar u ditti tal-familja) biex jiżgura li dawn jiksbu dak kollu li jistgħu minnEURES u jifhmu r-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom.

“Il-klijenti tagħna jafu sew li aħna m’aħniex nipprovdulhom ħaddiema temporanji. Aħna nirrakkomandaw li b’mod ġenerali, individwu jdum madwar sena biex jitħarreġ sal-livell meħtieġ, u madwar l-istess ammont ta’ żmien qabel ma dawn isiru kompletament midħla tal-Ġermaniż. Huma jieħdu gost li jkunu involuti minħabba li dawn jafu li huwa probabbli li l-impjegat se jibqa’ magħhom għal bosta snin. Għalihom, dan huwa investiment fit-tul.”

POD ma sabet l-ebda diffikultà biex issib impjegaturi li huma lesti li jipprovdu xogħlijiet ta’ kwalità għolja lir-rekluti tal-EURES bit-taħriġ u l-appoġġ. Reċentement, ħafna minn dawk li javviċinaw il-kumpanija rebħu kuntratti tal-kostruzzjoni assoċjati ma’ bini kbir jew proġetti ta’ restawr. Dan ifisser li dawn iridu jespandu fi żmien qasir.

“Fil-Ġermanja, huma verament ftit dawk iż-żgħażagħ li kisbu l-ħiliet jew li jixtiequ japplikaw għal impjieg relatat mal-kostruzzjoni fil-plaming, it-tisħin, l-installazzjoni elettrika, l-arja kundizzjonata u x-xorta. Dawn huma impjiegi importanti u qed isiru dejjem aktar speċjalizzati minħabba l-bidla teknoloġika. Bl-użu tan-netwerk li aħna bnejna permezz ta’ EURES, issa l-klijenti tagħna għandhom provvista stabbli ta’ kandidati kwalifikati li qed ifittxu li jispeċjalizzaw ma’ impjegatur fuq għadd akbar ta’ snin.”

Din l-istorja hija ċertament dik ta’ Jose Antonio, plamer, li t-tim ta’ POD jemmen li huwa tassew jista’ jkun l-400 rekluta tagħhom (huwa diffiċli li jingħata n-numru preċiż minħabba li diversi individwi sejrin jibdew jaħdmu simultanjament).

Huwa jispjega li “fi Spanja hemm ħafna qgħad u pagi baxxi”. “Għalhekk jien fittixt online u sibt impjieg ta’ plamer fil-Ġermanja permezz tal-portal tal-EURES…Naturalment, jien qed inħossni anzjuż dwaru, iżda din hija opportunità tajba ħafna, permanenti u ċans biex nitgħallem lingwa ġdida f’pajjiż ġdid.”

Preċiżament bħal Carlos, 399 kandidat qablu, Jose Antonio ma kienx jaf jitkellem bil-Ġermaniż qabel ma aċċessa l-EURES u, bħala xi ħadd li attwalment jinsab mingħajr impjieg, huwa jilqa’ l-appoġġ finanzjarju u prattiku li rċieva.

Issa, is-suċċess ta’ POD joħloq xi ftit jew wisq ta’ dilemma għal Stephan u l-kollegi tiegħu. Xi jmiss? Il-kumpanija qed tikkunsidra jekk għandhiex tespandi l-operazzjonijiet ta’ reklutaġġ tagħha f’pajjiżi oħrajn tal-EURES jew jekk tibqax iffukata biss fuq Spanja.

“Bdejna naħsbu biex nidħlu fl-Ewropa tal-Lvant, iżda dan ikun ifisser li jkollna nibdew mill-bidu nett f’kull pajjiż. B’mod ġenerali, iddeċidejna li minflok, inkabbru l-attivitajiet fi Spanja, peress li bħalissa tassew għandna netwerk kbir. Dan ifisser li rridu ntejbu aktar l-influwenza reġjonali tagħna u nestendu l-varjetà tal-profili li nirreklutaw. Pereżempju, apparti l-impjiegi tas-settur tal-kostruzzjoni, li se jkomplu jibqgħu l-fokus ewlieni tagħna, issa aħna qed naħdmu ma’ impjegaturi biex jirreklutaw professjonisti differenti – pereżempju, mekkaniks, inġiniera u professjonisti akkademiċi oħrajn.”

POD qed tipprova wkoll varjetà akbar ta’ opportunitajiet tal-EURES. Il-kumpanija diġà ttella’ impjiegi fuq il-portal tal-EURES permezz tal-uffiċċju lokali tal-EURES u tirrekluta kandidati bl-appoġġ minn L-ewwel Impjieg EURES Tiegħek (YfEJ). Madankollu, Stephan għadu kif sema’ dwar l-iskema l-ġdida Reactivate (Irriattiva) u riċentement beda japplika għaliha wkoll. Reactivate tipprovdi opportunitajiet ta’ karriera tal-EURES fil-pajjiżi parteċipanti lil kandidati li għandhom aktar minn 35 sena.

Għalissa, il-kumpanija qed tiċċelebra s-suċċess tagħha peress li qabżet l-400 ħatra tal-EURES minn kważi ħames snin ilu ‘l hawn, minn mindu Carlos beda l-ewwel xift tiegħu f’ditta żgħira tal-plaming li tinsab f’Palatine fid-19 ta’ Frar 2013.

Stephan Behringer jixtieq jirrikonoxxi l-kontribut tal-kollegi li ġejjin minn EURES tal-Ġermanja u EURES ta’ Spanja, li appoġġjaw lill-POD fir-reklutaġġ tal-kandidati: Rita Mager u Marina Weigand, (EURES tal-Ġermanja/Agentur für Arbeit Würzburg); Carlos Palomo (Malaga); Diego Moliner u Julia Roca (Valencia); Carlos Pastor (Alicante), Isabel Garcia (Castellón); Rosario Sanmartín Alcaraz (Murcia); Yolanda Delgado Lazaro u Francisca Fuentes (Madrid); Cesar Martin u Araceli Carillo Urena (Seville); Jesús Caparrós Martín (Almeria); Arnau Soy Massoni (Girona); José Luis Gredilla Illera (Barċellona); Dionisio Manuel Acebal Minano (Albacete).

 

Links relatati

Sit web tal- POD www.pod-personalberatung.de

Kanal: YouTube ta’ POD: www.youtube.com/user/PODpersonalberatung

ELCLA Akkademja tal-Lingwi: www.elcla.es

 

Aqra aktar:

Sib Konsulent tal-EURES

Kundizzjonijiet tax-xogħol u l-għajxien fil-pajjiżi tal-EURES

Il-Bażi tad-Data tal-Impjiegi tal-EURES

Is-servizzi tal-EURES għall-impjegaturi

Il-Kalendarju tal-Avvenimenti tal-EURES

Avvenimenti Online li ġejjin

L-EURES fuq Facebook

L-EURES fuq Twitter

L-EURES fuq LinkedIn

Temi
L-aħjar prattika tal-EURESTaħriġ EURESPartijiet interessati esterniAħbarijiet dwar is-suq tax-xogħol/aħbarijiet dwar il-mobilitàXejriet ta' reklutaġġStejjer ta' suċċess
Sezzjoni(jiet) relatati
L-Għajxien u x-Xogħol
Settur
Accomodation and food service activitiesActivities of extraterritorial organisations and bodiesActivities of households as employers, undifferentiated goods- and servicesAdministrative and support service activitiesAgriculture, forestry and fishingArts, entertainment and recreationConstructionEducationElectricity, gas, steam and air conditioning supplyFinancial and insurance activitiesHuman health and social work activitiesInformation and communicationManufacturingMining and quarryingOther service activitiesProfessional, scientific and technical activitiesPublic administration and defence; compulsory social securityReal estate activitiesTransportation and storageWater supply, sewerage, waste management and remediation activitiesWholesale and retail trade; repair of motor vehicles and motorcycles

Ċaħda

L-artikoli huma maħsuba biex jipprovdu lill-utenti tal-portal tal-EURES b'informazzjoni dwar suġġetti u xejriet kurrenti u biex jistimulaw id-diskussjoni u d-dibattitu. Il-kontenut tagħhom mhux bilfors jirrifletti l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) jew tal-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, EURES u ELA ma japprovawx websajts ta' partijiet terzi msemmija hawn fuq.