Skip to main content
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
EURES

Dikjarazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data – Messaġġi u talbiet mibgħuta lill-Helpdesk tal-EURES

Din id-dikjarazzjoni tal-privatezza tipprovdi informazzjoni dwar l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data personali tiegħek.

Operazzjoni tal-ipproċessar: EURES

Kontrollur tad-Data: L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol - Unità tal-Informazzjoni u tal-EURES

Link għar-rekords: https://www.ela.europa.eu/en/eures-data-protection-register

 

1. Introduzzjoni

Din l-operazzjoni tipproċessa informazzjoni personali. L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (minn hawn ’il quddiem “l-Awtorità”) hija impenjata li tipproteġi d-data personali tiegħek u li tirrispetta l-privatezza tiegħek. Il-Kummissjoni tiġbor u tipproċessa ulterjorment id-data personali skont ir-Regolament (UE) Nru 2018/172511, li huwa applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din l-Istqarrija dwar il-protezzjoni tad-data tingħata skont l-Artikoli 15-16 ta’ dan ir-Regolament. Ir-Regolament (UE) 2016/679, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data huwa applikabbli għal kwalunkwe pproċessar ta’ data minn organizzazzjonijiet esterni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE.

Din id-dikjarazzjoni tal-privatezza tispjega r-raġuni għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek, il-mod kif niġbru, nindirizzaw u niżguraw il-protezzjoni tad-data personali kollha pprovduta, kif dik l-informazzjoni tintuża u liema drittijiet għandek fir-rigward tad-data personali tiegħek. Din tispeċifika wkoll id-dettalji ta’ kuntatt tal-Kontrollur tad-Data responsabbli li miegħu tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

2. Għaliex u kif nipproċessaw id-data personali tiegħek?

Il-Helpdesk tal-EURES jipprovdi għajnuna u assistenza lill-utenti tal-portal tal-EURES. Il-mistoqsijiet jistgħu jiġu sottomessi permezz tat-telefon, chat online jew bil-posta elettronika.

Id-data personali tiegħek mhijiex se tintuża għal teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzati, inkluż it-tfassil ta’ profili.

3. Fuq liema raġunijiet ġuridiċi nipproċessaw id-data personali tiegħek?

Nipproċessaw id-data personali tiegħek minħabba li:

  • l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċitar ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-istituzzjoni jew lill-korp tal-Unjoni, u
  • inti bħala s-suġġett tad-data tkun tajt il-kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek għal għan speċifiku wieħed jew aktar.

Dan huwa f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tat-23 ta’ Ottubru 2018, b’mod partikolari l-Artikolu 5(1).

4. Liema data personali niġbru u nipproċessaw ulterjorment

Sabiex ngħinuk u nipprovdulek assistenza, il-forniment ta’ ċerta data personali huwa obbligatorju. Jeħtieġ li tipprovdi ismek u kunjomok, l-indirizz tal-posta elettronika, il-pajjiż tar-residenza u l-lingwa ppreferuta tiegħek.

5. Għal kemm żmien inżommu d-data personali tiegħek?

Id-data miġbura tista’ tinħażen għal skopijiet ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità għal perjodu li ma jaqbiżx is-sentejn. M’għandekx aċċess dirett għad-data maħżuna. Jekk trid tkun taf liema data personali hija maħżuna f’ismek jew jekk trid timmodifikaha jew tħassarha, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-kontrollur fuq l-indirizz tal-posta elettronika li ġej:: empl-eures@ec.europa.eu

6. Kif nipproteġu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?

F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6, 44(1) u l-premessa 45 tar-Regolament (UE) 2019/11492, li jistipula li “l-Awtorità għandha timmaniġġja l-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni tal-EURES”, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni tal-EURES (ECO) tan-netwerk Ewropew tas-servizzi tal-impjiegi (EURES) ġie ttrasferit lill-Awtorità Ewropea tax-Xogħol.

Madankollu, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament 2019/1149 il-Kummissjoni se tkompli tiżgura l-operat u l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-IT tal-portal EURES u s-servizzi relatati tal-IT.

Id-data personali kollha f’format elettroniku (posta elettronika, dokumenti, bażijiet tad-data, lottijiet ta’ data mtellgħa, eċċ.) jinħażnu jew fuq is-servers tal-Kummissjoni Ewropea jew fuq dawk tal-kuntrattur tagħha li jopera dan is-servizz tal-helpdesk. L-operazzjonijiet kollha tal-ipproċessar jitwettqu skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta’ Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea.

Il-kuntratturi tal-Kummissjoni huma marbuta bi klawżola kuntrattwali speċifika għal kwalunkwe operazzjoni tal-ipproċessar tad-data tiegħek f’isem il-Kummissjoni, u bl-obbligi ta’ kunfidenzjalità li jirriżultaw mit-traspożizzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data fl-Istati Membri tal-UE (“GDPR” ir-Regolament (UE) 2016/679).

Sabiex tipproteġi d-data personali tiegħek, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ għadd ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi. Il-miżuri tekniċi jinkludu azzjonijiet xierqa biex jindirizzaw is-sigurtà online, ir-riskju ta’ telf tad-data, it-tibdil tad-data jew l-aċċess mhux awtorizzat, filwaqt li jitqies ir-riskju ppreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata. Il-miżuri organizzattivi jinkludu r-restrizzjoni tal-aċċess għad-data personali għal persuni awtorizzati biss bi ħtieġa leġittima ta’ tagħrif għall-finijiet ta’ din l-operazzjoni ta’ pproċessar.

7. Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?

Kwalunkwe data personali li tiġi sottomessa lill-Helpdesk tal-EURES tinġabar u tiġi pproċessata ulterjorment biss sa fejn huwa strettament neċessarju biex tingaħata tweġiba jew b’xi mod ieħor tindirizza t-talba tiegħek. Biex isib soluzzjoni, il-helpdesk jista’ jkollu bżonn jibgħat it-talba tiegħek lill-persunal li jaħdem f’organizzazzjonijiet li jipparteċipaw fin-netwerk tal-EURES. F’dan il-każ inti se tiġi informat li t-talba tiegħek tkun intbagħtet.

Jekk id-data ppreżentata lill-helpdesk tintbagħat u tiġi pproċessata ulterjorment f’sistema mmexxija mill-Uffiċċju ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali tal-EURES jew minn organizzazzjoni Membru jew Sħab tal-EURES li tirċievi t-talba tiegħek, dik l-organizzazzjoni għandha tiggarantixxi l-protezzjoni tad-data u l-kunfidenzjalità meħtieġa mir-Regolament (UE) 2016/679 (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) bħala kontrollur skont dak ir-Regolament.

Meta jaqbel ma’ din id-dikjarazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data, is-suġġett tad-data jipprovdi wkoll il-kunsens tiegħu/tagħha li, jekk ikun meħtieġ tiġi indirizzata t-talba tiegħu/tagħha, id-data tiġi trażmessa lill-Istati Membri taż-ŻEE u lill-Iżvizzera li huma assoċjati man-netwerk tal-EURES f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 2016/589 u mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Konfederazzjoni Żvizzera3.

8. X’inhuma d-drittijiet tiegħek u kif tista’ teżerċitahom?

Inti għandek drittijiet speċifiċi bħala “suġġett tad-data” skont il-Kapitolu III (l-Artikoli 14-25) tar-Regolament (UE) 2018/1725, b’mod partikolari d-dritt li taċċessa, tirrettifika jew tħassar id-data personali tiegħek u d-dritt li tillimita l-ipproċessar tad-data personali tiegħek. Fejn applikabbli, għandek ukoll id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar jew id-dritt għall-portabbiltà tad-data.

Inti tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek billi tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, jew f’każ ta’ kunflitt lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Jekk ikun meħtieġ, tista’ tindirizza wkoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. L-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom tinsab fl-Intestatura 9. Informazzjoni ta’ kuntatt.

Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ pproċessar speċifika waħda jew aktar, jekk jogħġbok ipprovdi d-deskrizzjoni tagħhom (jiġifieri r-Referenza/Referenzi tar-reġistrazzjoni tagħhom kif speċifikat fl-Intestatura 10. Fejn tista’ ssib aktar informazzjoni ddettaljata?) fit-talba tiegħek.

9. Informazzjoni ta’ Kuntatt

Il-Kontrollur tad-Data

Il-portal tal-EURES huwa ġestit mill-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-EURES, stabbilit fi ħdan l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol - l-Unità tal-Informazzjoni u tal-EURES li huwa l-“kontrollur” skont ir-Regolament (KE) 2018/1725.

Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 jew jekk għandek xi mistoqsijiet, ilmenti jew talbiet oħra rigward id-data trażmessa u pproċessata fuq il-portal tal-EURES, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-kontrollur fuq l-indirizz tal-posta elettronika li ġej: data-protection@ela.europa.eu

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Awtorità

Inti tista’ tikkuntattja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (data-protection@ela.europa.eu) dwar kwistjonijiet relatati mal-ipproċessar tad-data personali tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS)

Inti għandek id-dritt tirrikorri (jiġifieri tista’ tressaq ilment) għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edps@edps.europa.eu) jekk jidhirlek li nkisru d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali tiegħek mill-Kontrollur tad-Data.

10. Fejn tista’ ssib informazzjoni aktar iddettaljata?

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Awtorità jippubblika r-reġistru tal-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar tad-data personali mill-Awtorità, li jkunu ġew iddokumentati u nnotifikati lilu. Tista’ taċċessa r-reġistru bil-link li ġej: https://www.ela.europa.eu/en/eures-data-protection-register

noti ta’ qiegħ il-paġna

1 Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001)

2 Ir-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 883/2004, (UE) Nru 492/2011, u (UE) 2016/589 u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2016/344 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE u għall-Iżvizzera) ĠU L 186, 11.7.2019, p. 21–56

Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni, it-trasport bl-ajru u fuq l-art, l-akkwist pubbliku, il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, ir-rikonoxximent reċiproku b’rabta mal-valutazzjoni tal-konformità, u l-kummerċ fi prodotti agrikoli, Ġurnal Uffiċjali L 114, 30/04/2002.