Tista’ tgħidilna aktar dwarek u dwar ir-rwol tiegħek bħala mentor?
Gradwajt mill-University of Nottingham fl-1983. Minkejja li kelli interess li nsir psikologu edukattiv, dħalt fid-dinja tan-negozju mingħajr ma kont naf kważi xejn dwar kif verament stajt nirnexxi. Sensiela ta’ rwoli wassluni biex nispeċjalizza fl-iżvilupp tan-negozju, b’mod partikolari fl-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ sħubija. Issa, għandi n-negozju tiegħi fejn ngħin lin-negozji żgħar biex jikbru.
Ftit aktar minn tliet snin ilu, l-università għamlet kuntatt mal-alumni f’impetu biex ittejjeb il-qafas ta’ appoġġ tagħha għall-istudenti universitarji u l-alumni riċenti. Fir-rwol tiegħi bħala mentor fil-qasam tal-karrieri, jien impenjat li ngħin lill-imħuħ żgħażagħ fil-bidu tal-karriera tagħhom, kif ukoll li ninvesti fit-tagħlim tul il-ħajja għalija nnifsi.
B’mod ġenerali, x’tip ta’ appoġġ toffri lill-istudenti tiegħek?
Ngħin lill-mentees dwar kif għandhom jersqu lejn id-dinja kummerċjali u kif għandhom jitħejjew għaliha, kemm jekk għal internships, kollokamenti jew impjieg. L-istudenti jagħżlu lill-mentor tagħhom abbażi tal-isfond, l-esperjenza u s-sett tal-ħiliet, allura għandu jkun hemm qbil sew mill-perspettiva tal-mentee.
L-appoġġ ikopri l-istrutturi tal-intervisti, it-tekniki użati fil-mistoqsijiet, x’qed ifittxu l-impjegaturi, kif tikteb CV u ittra ta’ akkumpanjament, il-lingwa li n-negozju juża u r-ritmu tal-laqgħat. Xi drabi, hekk kif il-konverżazzjoni tevolvi, l-istudenti jsiru konxji ta’ xi wħud mis-saħħiet u d-dgħufijiet tagħhom u dan jgħinhom biex jifhmu liema rwoli jistgħu jkunu tajbin għalihom.
Minbarra li tgħin b’elementi aktar prattiċi bħas-CVs u t-tħejjija għal intervista, inti tipprovdi wkoll lill-istudenti tiegħek b’appoġġ emozzjonali. Tista’ tgħidilna aktar dwar dan?
Dan huwa fejn ir-relazzjoni tirnexxi jew tfalli. Din mhijiex konoxxenza każwali. Qiegħed tikkollabora b’objettiv wieħed: li tipprepara lill-istudent għad-dinja tax-xogħol. Dan jeħtieġ l-impenn miż-żewġ naħat. Bħal kwalunkwe relazzjoni oħra, huwa importanti li wieħed jifhem il-qafas tar-relazzjoni u li jiġu stabbiliti ċertu regoli u limiti.
L-istudenti huma mimlija dubji, imma minkejja dan jieħdu riskji li mhumiex kalkulati u huma kuraġġużi. Ħafna minnhom tgħallmu jqabblu l-prestazzjoni tagħhom ma’ dik tal-pari tagħhom minflok jiffurmaw l-istandards interni tagħhom stess. L-għajnuna biex ma jagħtux każ aktar l-aspettattivi tal-oħrajn u biex jistabbilixxu aspettattivi realistiċi għalihom infushom hija kritika.
Skoprejt li din hija l-pedament biex wieħed jibni l-fiduċja fih innifsu. Meta tasal għad-deċiżjonijiet tiegħek dwar il-futur tiegħek minflok ma toqgħod tipprova tilħaq l-aspettattivi tal-oħrajn, inti tafferma li dak li trid huwa importanti. Inti importanti. Tfittex ukoll fik innifsek biex issib it-tweġibiet, u meta ssibhom, temmen fl-abbiltà tiegħek li tibni l-futur tiegħek.
L-istudenti jistgħu, u infatti jagħmlu dan il-vjaġġ għalihom infushom; ir-rwol ta’ mentor huwa fil-biċċa l-kbira gwida biex turihom it-triq. Għalija, din ir-realizzazzjoni matul il-vjaġġ tagħhom hija dak li tagħmel din l-esperjenza waħda ta’ tkabbir.
In-naħa l-oħra tad-dinja kummerċjali hija ovvjament l-impjegaturi. Kif taħseb li l-kumpaniji jistgħu jagħmlu lilhom infushom aktar attraenti għaż-żgħażagħ?
Jistgħu juru li huma impenjati għad-diversità u l-inklużjoni, ir-responsabbiltà korporattiva, l-ambjent u s-saħħa mentali tal-impjegati tagħhom. Nirrakkomanda li jinħolqu vidjows ta’ intervisti ma’ gradwati reali li huma impjegati apprezzati biex juru kif irnexxielhom jegħlbu l-isfidi tagħhom u marru tajjeb fil-kumpanija.
Id-dinja tax-xogħol qed tinbidel b’ritmu mgħaġġel. Kif taħseb li dan qed jaffettwa l-istudenti, l-abbiltà tagħhom li jsibu xogħol u l-abbiltà tagħhom li jadattaw għal ambjenti ġodda tax-xogħol?
Mhux faċli meta ma jkollhom l-ebda esperjenza f’ambjenti tax-xogħol. Madankollu, l-aħbar it-tajba hija li l-impjegaturi qed jibdew jirrikonoxxu li r-reklutaġġ abbażi tal-esperjenza biss mhux se jibqa’ jkun utli għalihom hekk kif resqin lejn ir-raba’ era industrijali.
It-tagħlim awtomatiku, l-intelliġenza artifiċjali u l-awtomatizzazzjoni qed ibiddlu b’ritmu mgħaġġel il-kriterji li l-impjegaturi jużaw meta jkunu qed ifittxu t-talent. Il-ħiliet li wieħed isolvi l-problemi, ir-reżiljenza u l-kreattività qed isiru dejjem aktar ta’ valur fuq il-post tax-xogħol, u l-ħiliet soċjali tagħna qed isiru wkoll dejjem aktar evidenti. Il-biċċa l-kbira tal-ħin tagħna se jitqatta’ f’timijiet żgħar li jfittxu li jkollhom interfaċċa mat-teknoloġija sabiex jiksbu l-aħjar eżiti. Li tkun uman se ssir metrika li l-impjegaturi se jirnexxilhom ikejlu.
Jeħtieġ li niżguraw li nkunu adattabbli u miftuħa għat-tagħlim. Dan iwassal biex l-istudenti jkunu f’pożizzjoni tajba peress li jkollhom l-ħiliet li jitgħallmu u d-dispożizzjoni biex jikbru. Se jkollhom bżonn jiżviluppaw passjoni u impenn għat-tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll japplikaw tagħlim ġdid fuq ix-xogħol, sabiex jgħinu lin-negozji li jaħdmu magħhom biex ikunu kemm jista’ jkun flessibbli.
U fl-aħħar nett, x’inhi l-aħjar ħaġa dwar ir-rwol tiegħek bħala mentor fil-qasam tal-karrieri?
Li nara lin-nies jiftħu l-ġwienaħ. Li nara lin-nies jikbru hija waħda mill-akbar rigali tal-ħajja. L-impatt li jista’ jkollok fuq il-kunfidenza, il-mod ta’ kif wieħed jaħseb, il-limiti, l-indipendenza tal-ħsieb u l-kreattività huwa immens. Tista’ tagħmel differenza ta’ veru u hija wkoll xi ħaġa reċiproka. Ksibt għarfien tajjeb ta’ stili differenti ta’ ħidma, kif ukoll fehim aħjar tal-isfidi li t-talenti żgħażagħ tagħna qed jiffaċċjaw.
Links relatati:
University of Nottingham – Career Mentoring
Aqra aktar:
Sib il-Persunal tal-EURES..
Kundizzjonijiet tax-xogħol u l-għajxien fil-pajjiżi tal-EURES
Il-Bażi tad-Data tal-Impjiegi tal-EURES
Is-servizzi tal-EURES għall-impjegaturi
Il-Kalendarju tal-Avvenimenti tal-EURES
Avvenimenti Onlineli ġejjin
L-EURES fuq Facebook
L-EURES fuq Twitter
L-EURES fuq LinkedIn
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 11 Ottubru 2019
- Awturi
- L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol | Id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni
- Temi
- Partijiet interessati esterniIdeat u SuġġerimentiStejjer ta' suċċessŻgħażagħ
- Settur
- Accomodation and food service activitiesActivities of extraterritorial organisations and bodiesActivities of households as employers, undifferentiated goods- and servicesAdministrative and support service activitiesAgriculture, forestry and fishingArts, entertainment and recreationConstructionEducationElectricity, gas, steam and air conditioning supplyFinancial and insurance activitiesHuman health and social work activitiesInformation and communicationManufacturingMining and quarryingOther service activitiesProfessional, scientific and technical activitiesPublic administration and defence; compulsory social securityReal estate activitiesTransportation and storageWater supply, sewerage, waste management and remediation activitiesWholesale and retail trade; repair of motor vehicles and motorcycles