
“Dan kollu beda darba waranofsinhar f’Lulju 2019 waqt li kont fuq il-paġna tal-Facebook tal-EURES u qrajt dwar proġett li kien qed jirrekluta persuni li jindokraw fil-Ġermanja,” tibda Alessandria. “Kont interessata.” Fl-età ta’ 45 sena, Alessandria ma kellhiex xogħol u kellha diffikultà biex issib impjieg ġdid u stabbli. Peress li trabbiet fil-Ġermanja qabel ma marret tgħix l-Italja bħala adoloxxenti, hija kienet lesta li tmur lura l-Ġermanja għal sfida ġdida. Dan il-proġett taha t-tama.
Opportunità ta’ taħriġ fis-settur tal-kura
Alessandria kkuntattjat lill-EURES u inizjalment irċeviet appoġġ minn Rosaria Petrillo tal-EURES Milan. Imbagħad tpoġġiet f’kuntatt mal-Konsulenta tal-EURES Charlotte Glötzner, tas-Servizzi Internazzjonali u Speċjalizzati tal-Aġenzija Federali Ġermaniża għall-Impjiegi (ZAV) f’Nuremberg, li kienet parti mit-tim li kien qed jaħdem fuq il-proġett. F’kollaborazzjoni ma’ żewġ fornituri tal-kura tal-Bavarja – Stiftung Sankt Johannes f’Marxheim-Schweinspoint u Dominikus-Ringeisen-Werk f’Ursberg – Charlotte u l-kollegi tagħha kienu qed ifittxu applikanti minn madwar l-Ewropa biex jitħarrġu bħala persuni li jindukraw persuni bi bżonnijiet speċjali maż-żewġ organizzazzjonijiet.
Dan jgħin biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħiliet lokali, kif tispjega Charlotte. “L-impjegaturi fil-Ġermanja qed jesperjenzaw aktar u aktar diffikultajiet biex jirreklutaw ħaddiema tal-kura kwalifikati biex jindukraw persuni bi bżonnijiet speċjali,” tgħid. “Il-valur miżjud ta’ dan il-proġett huwa li jgħaqqad ix-xogħol u t-taħriġ vokazzjonali u l-parteċipanti jirċievu salarju.”
Iż-żjarat mill-impjegaturi joffru impressjoni realistika
Charlotte stiednet lil Alessandria biex tattendi jumejn ta’ reklutaġġ fil-Bavarja fi Frar 2020. Charlotte kienet organizzat il-ġranet ma’ Anja Coenen, Konsulent lokali tal-EURES mill-Aġenzija tal-Impjiegi ta’ Donauwörth.
Fl-ewwel jum, huma pprovdew informazzjoni dwar il-programmi ta’ taħriġ u l-appoġġ disponibbli permezz tal-EURES, inkluż opportunitajiet ta’ finanzjament biex ikopru l-ivvjaġġar, il-korsijiet tal-lingwa u l-ispejjeż ta’ rilokazzjoni. L-applikanti ġew intervistati wkoll mill-impjegaturi prospettivi tagħhom.
Fit-tieni jum, l-applikanti żaru l-bini taż-żewġ organizzazzjonijiet, inkluż l-akkomodazzjoni li l-impjegaturi kellhom jipprovdu. “Dan kien bonus għall-applikanti, minħabba li kisbu impressjoni realistika tal-post tax-xogħol futur tagħhom u tal-ambjent,” tgħid Charlotte.
Nimxu ’l quddiem minkejja l-COVID-19
Il-jiem ta’ reklutaġġ kienu ta’ suċċess kbir, peress li Alessandria u tmien applikanti Ewropej oħra rċevew offerti ta’ impjieg. Sfortunatament, minn dak iż-żmien, il-COVID-19 ġabet magħha sfidi kbar għal kulħadd. B’riżultat ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u regolamenti stretti fis-settur tal-kura, il-bidu tal-proġett iddewwem.
Madankollu, Alessandria u parteċipant ieħor setgħu jmorru l-Bavarja f’Ġunju biex jibdew it-taħriġ tagħhom ma’ Stiftung Sankt Johannes. Il-parteċipanti l-oħra bdew jaħdmu f’Dominikus-Ringeisen-Werk f’Ottubru u bħalissa qed jirċievu taħriġ online bil-lingwa Ġermaniża biex jgħinhom jintegraw.
Tissetilja sew bl-appoġġ
Minkejja ċ-ċirkostanzi mhux tas-soltu, Alessandria qed tissetilja tajjeb bl-għajnuna tal-impjegatur “tassew dħuli u akkoljenti” tagħha. Hija ġiet megħjuna wkoll permezz ta’ appoġġ finanzjarju mill-EURES permezz tal-iskema Reactivate, li hija użat biex tħallas għall-ivvjaġġar tagħha lejn il-Ġermanja u biex tarma l-akkomodazzjoni tagħha.
“Li nitlaq lil familti u niġi naħdem hawnhekk fil-Ġermanja ma kinitx xi ħaġa faċli,” tgħid hi. “Iżda dak li wassalni biex inkompli nimxi ’l quddiem kienet l-opportunità biex ngħin lill-oħrajn. Inħossni tajba u x-xogħol jogħġobni. Minn dejjem kont inħobb naħdem ma’ persuni bi bżonnijiet speċjali.”
“Li nitħarreġ u naħdem fil-Ġermanja fl-età tiegħi, f’reġjun sabiħ bħall-Bavarja, qisha bħal ħolma għalija,” tgħid hi. “Nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lill-persunal kollu tal-EURES.”
Links relatati:
Aqra aktar:
Il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fil-pajjiżi tal-EURES
Il-Bażi tad-Data tal-Impjiegi tal-EURES
Is-servizzi tal-EURES għall-impjegaturi
Il-Kalendarju tal-Avvenimenti tal-EURES
Avvenimenti Online li għadhom ġejjin
L-EURES fuq Facebook
L-EURES fuq Twitter
L-EURES fuq LinkedIn
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 13 Novembru 2020
- Awturi
- L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol | Id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni
- Temi
- Xejriet ta' reklutaġġMidja soċjaliStejjer ta' suċċessŻgħażagħ
- Sezzjoni(jiet) relatati
- L-Għajxien u x-Xogħol
- Settur
- Administrative and support service activitiesHuman health and social work activitiesOther service activities