
Pass #3: L-applikazzjoni għal impjieg barra minn pajjiżek
Ladarba tiddeċiedi li taħdem barra minn pajjiżek, ikun wasal iż-żmien li ssib xi opportunitajiet biex tapplika għalihom!
Kif u fejn napplika?
- Agħmel tiftixa: Il-magna tat-tiftix tal-EURES ‘Sib impjieg’ tippermettilek tfittex opportunitajiet skont il-kliem ewlieni u kriterji stabbiliti. Imbagħad tista’ tqabbel il-profil tiegħek mar-riżultati biex tara kemm taqbel sew ma’ dak li l-impjegatur qiegħed ifittex.
- Impjiegi fil-mira: Ladarba ssib l-impjieg li jogħġbok, tista’ tapplika direttament permezz tal-portal EURES. Siti web oħra, portali tal-impjiegi u gazzetti għandhom ukoll sistemi ta’ applikazzjoni online għal impjiegi u jkollhom informazzjoni dwar kif tapplika u lil min tikkuntattja.
- Oħloq is-CV tiegħek fuq EURES: Wara li tirreġistra fuq is-sit web tal-EURES, tista’ toħloq is-CV tiegħek online jew ittella’ CV eżistenti fil-pjattaforma tal-EURES. Is-CV tiegħek imbagħad tkun aċċessibbli minn impjegaturi potenzjali u mill-Persunal tal-EURES li jkun qed jgħin lill-impjegaturi jsibu kandidati għall-impjieg.
- Kun spontanju: Forsi hemm xi kumpanija partikolari li tixtieq taħdem magħha. Applikazzjonijiet spontanji xi kultant jistgħu jiftħu bibien li lanqas biss tkun taf li jeżistu (mhux il-postijiet vakanti kollha jiġu ppubblikati milll-impjegaturi). B’mod ġenerali huwa rrakkomandat li tibgħat CV speċifika u ittra ta’ akkumpanjament.
Kif nista’ nimmodifika s-CV tiegħi?
- Uża l-Europass: Hija idea tajba li tuża l-format tas-CV tal-Europass, peress li jippermetti li l-kwalifiki u l-esperjenza tiegħek jiġu pparagunati b’mod faċli fil-pajjiżi kollha. Il-format huwa disponibbli fil-pajjiżi kollha taż-Żona Ekonomika Ewropea (EEA) u huwa adattat kemm għall-gradwati vokazzjonali kif ukoll għal dawk akkademiċi.
- Fassal is-CV tiegħek: Huwa essenzjali li tadatta s-CV tiegħek għall-pożizzjoni li qed tapplika għaliha. Enfasizza l-esperjenza u l-ħiliet speċifiċi li jaqblu mal-ħtiġijiet tal-impjegatur, u tkun qed tagħtihom stampa ċara għalfejn inti l-persuna t-tajba għall-impjieg.
- Żommha sempliċi: Dawk li jirreklutaw mhux se jkollhom ħafna ħin biex jirrieżaminaw is-CV tiegħek. Jekk tillimitaha għal żewġ faċċati, u tuża sentenzi qosra u tinkludi biss informazzjoni relevanti tkun qed tgħin biex twassal dak li tista’ toffri b’mod ċar u konċiż.
- Iċċekkja x-xogħol tiegħek: Dejjem aqra mill-ġdid dak li tkun inkludejt fis-CV tiegħek biex tiżgura li m’hemmx żbalji. Uża dizzjunarju jekk tikteb f’lingwa oħra jew itlob l-għajnuna.
- Referenzi: Hija prattika standard f’ħafna pajjiżi li tipprovdi referenzi bħala parti mis-CV tiegħek (jiġifieri ismek u d-dettalji ta’ kuntatt ta’ xi ħadd li jista’ jikkonferma d-dettalji li inkludejt fis-CV tiegħek). Jekk tinkludi r-referenzi, kun żgur li l-ewwel titlob permess.
Kif nikteb l-ittra ta’ applikazzjoni tiegħi?
- Introduċi lilek innifsek: Applikazzjoni normalment tikkonsisti f’CV u f’ittra ta’ akkumpanjament (sakemm ma tkunx provduta forma ta’ applikazzjoni speċifika). L-ittra ta’ akkumpanjament hija opportunità biex tintroduċi lilek innifsek u turi l-interess tiegħek fil-pożizzjoni.
- Żommha qasira: Bħal fil-każ tas-CV tiegħek, l-ittra ta’ akkumpanjament ma għandhiex tkun aktar minn faċċata u għandha tiffoka fuq l-informazzjoni essenzjali.
- Ippjana l-kontenut tiegħek: It-test tiegħek għandu jkollu madwar erba’ paragrafi, kull wieħed minnhom jiffoka fuq suġġett ewlieni differenti. Approċċ tajjeb jista’ jkun kif ġej:
- Esprimi l-interess tiegħek fl-impjieg u spjega fejn sirt taf dwaru.
- Spjega għalfejn inti interessat u kif tissodisfa l-kriterji.
- Enfasizza xi ftit mill-kompetenzi professjonali jew personali li jżidu valur lill-applikazzjoni tiegħek.
- Spjega li inti disponibbli għal intervista u tista’ tipprovdi informazzjoni addizzjonali jew dokumenti ta’ sostenn fuq talba.
X’lingwa għandi nuża?
- Ikteb fil-lingwa nazzjonali tal-impjegaturi jew fil-lingwa tal-avviż tal-impjieg: Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-avviż tal-impjieg, din hi dejjem l-aħjar għażla. L-Ingliż ta’ spiss ikun il-lingwa aċċettata ta’ komunikazzjoni għal impjiegi transnazzjonali.
- Spjega l-kwalifiki tiegħek. Jekk qed tikteb f’lingwa oħra, kun żgur li tispjega l-kisbiet tiegħek b’mod li l-qarrej jifhimhom (b'eżempji komparabbli mill-pajjiż tal-impjegatur , jekk possibbli).
Parti #4: Il-proċess tal-intervista
Jekk l-applikazzjoni tiegħek għal impjieg tirnexxi, x'aktarx tiġi mistieden għal intervista. Hemm ħafna dwar xiex taħseb meta tkun qed tipprepara għal intervista, għaldaqstant qassamnihom f’punti ewlenin.
Kif nipprepara għal intervista?
- Agħmel ir-riċerka tiegħek: Li turi l-għarfien tiegħek tal-kumpanija u li tkun kapaċi twieġeb jew issaqsi mistoqsijiet dwarha huwa mod tajjeb kif turi l-interess tiegħek. Bl-istess mod, kun żgur li tkun irriċerkajt bir-reqqa r-rwol tal-impjieg, u tkun tista’ tqabbel il-ħiliet u l-esperjenza tiegħek mal-ħiliet meħtieġa mill-impjieg.
- Ikkondividi l-ħiliet lingwistiċi tiegħek: L-intervistatur x’aktarx li jkun irid jevalwa kemm tista’ tikkomunika tajjeb fil-lingwa tal-pajjiż tagħhom. Uża l-vokabolarju tiegħek tajjeb kemm tista’ u jekk ikollok diffikultà, urihom li inti lest li titgħallem (jiġifieri tattendi kors tal-lingwa).
- Ipprepara xi eżempji: Ikunu xi jkunu l-mistoqsijiet li l-intervistatur isaqsik, x’aktarx li jkollok bżonn tagħmel referenza għal sitwazzjonijiet fil-passat meta wrejt ħila partikolari, bħall-abbiltà li tindirizza l-isfidi jew li tieħu l-inizjattiva. Il-preparazzjoni ta’ dawn l-eżempji minn qabel tista’ tgħinek issemmihom b’mod faċli f’intervista.
- Ibqa’ kunfidenti: Irrispettivament minn kemm tipprepara lilek innifsek tajjeb għall-intervista, x’aktarx tiġi mistoqsi minn tal-inqas mistoqsija waħda li tkun diffiċli jew mhux mistennija. Ipprova żomm kalm, agħti lilek innifsek mument biex tirrifletti, u l-aktar importanti, kun onest. Jekk ma tkunx taf x’tirrispondi, għid il-verità, filwaqt li tispjega kif inti kieku tipprova ssir taf it-tweġiba jew is-soluzzjoni.
- Uri li inti taħdem tajjeb f’tim: Il-ħidma f’tim hija fil-qalba ta’ kwalunkwe negozju u ħila li l-impjegaturi jtuha valur għoli, għaldaqstant kun żgur li tenfasizza l-kontribut tiegħek f’kisbiet miksuba mit-tim preċedenti.
- Ikkunsidra s-salarju: Tkun idea tajba li tiskopri x’inhuma r-rati tas-salajru medji għal kariga simili fil-pajjiż fejn beħsiebek tiċċaqlaq, sabiex tkun taf x’għandek tistenna. L-istess jgħodd għal arranġamenti kuntrattwali u l-liġi tax-xogħol. It-taqsima dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien tal-portal EURES flimkien mal-persunal tal-EURES jistgħu jgħinuk hawnhekk.
X’dokumenti għandi nieħu miegħi għall-intervista?
- CV: Jekk ikun possibbli, ħu miegħek kopji fil-lingwa tal-impjegatur tiegħek u kopji bl-Ingliż.
- Ċertifikati: Dawn jinkludu ċertifikati tal-lawrji, korsijiet tal-lingwa u kwalunkwe kwalifika relevanti oħra.
- Diploma tradotta: Xi impjiegi, bħal dawk fis-settur pubbliku, jaf jitolbuk traduzzjoni ċċertifikata tal-kwalifika tiegħek. Normalment din tkun disponibbli mill-istitut edukattiv tiegħek jew mill-industrija relevanti.
- Dokumenti ta’ identità: Ġib miegħek il-passaport jew il-karta tal-identità tiegħek u, jekk possibbli, iċ-ċertifikat tat-twelid tiegħek.
- Assikurazzjoni tas-saħħa: Jista’ jkun utli li jkollok il-Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea (jew kwalunkwe dokument ieħor tal-assikurazzjoni tas-saħħa jekk m’intix ċittadin tal-UE) sabiex tkun tista’ tkopri kwalunkwe spiża tas-saħħa mhux mistennija.
- Ritratti tal-passaport: Li jkollok ritratt jew tnejn tal-passaport fuqek hija idea tajba għax tgħin fl-identifikazzjoni.
- Rakkomandazzjonijiet: Filwaqt li mhux dejjem ikunu meħtieġa, ir-rakkomandazzjonijiet minn impjegaturi preċedenti jew mill-istituzzjoni edukattiva tiegħek jistgħu jgħinuk tispikka qalb il-folla.
Tista’ ssir taf aktar dwar it-tielet u r-raba’ passi fuq il-portal EURES u jekk trid tibda mill-bidu, l-ewwel parti (li tinkludi l-ewwel u t-tieni passi) tista’ tinsab hawnhekk. Żomm għajnejk miftuħin għall-aħħar parti ta’ din is-sensiela, li setiġi ppubblikata fil-ġimgħat li ġejjin. Is-suġġetti li se jiġu diskussi se jkunu li tiċċaqlaq barra minn pajjiżek u li tissetilja f’pajjiż ġdid.
Links relatati:
li tirreġistra fuq is-sit web tal-EURES
kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien
Aqra aktar:
Kundizzjonijiet tax-xogħol u l-għajxien fil-pajjiżi tal-EURES
Il-Bażi tad-Data tal-Impjiegi tal-EURES
Is-servizzi tal-EURES għall-impjegaturi
Il-Kalendarju tal-Avvenimenti tal-EURES
Avvenimenti Online li ġejjin
L-EURES fuq Facebook
L-EURES fuq Twitter
L-EURES fuq LinkedIn
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 12 Lulju 2019
- Awturi
- L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol | Id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni
- Temi
- Ideat u SuġġerimentiĠranet tax-Xogħol/AvvenimentiŻgħażagħ
- Sezzjoni(jiet) relatati
- Għajnuna u appoġġL-Għajxien u x-Xogħol
- Settur
- Accomodation and food service activitiesActivities of extraterritorial organisations and bodiesActivities of households as employers, undifferentiated goods- and servicesAdministrative and support service activitiesAgriculture, forestry and fishingArts, entertainment and recreationConstructionEducationElectricity, gas, steam and air conditioning supplyFinancial and insurance activitiesHuman health and social work activitiesInformation and communicationManufacturingMining and quarryingOther service activitiesProfessional, scientific and technical activitiesPublic administration and defence; compulsory social securityReal estate activitiesTransportation and storageWater supply, sewerage, waste management and remediation activitiesWholesale and retail trade; repair of motor vehicles and motorcycles